Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li b’politika mmirata lejn il-bżonnijiet ta’ Għawdex, l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar

Fil-qalba tal-Belt Victoria, fil-preżenza ta’ bosta stakeholders Għawdxin, tnediet l-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex mibnija fuq il-kunċett ta’ Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi. L-għan tal-istrateġija huwa li tixpruna tranżizzjoni ekonomika u soċjali biex l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan il-pjan ta’ għaxar snin, li tfassal mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, iħaddan tliet prinċipji ewlenin li huma l-użu għaqli tal-ambjent, kemm dak urban kif ukoll dak rurali, tkabbir ekonomiku li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u iżjed valur lill-identità Għawdxija.

Waqt din it-tnedija, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa permezz ta’ policies immirati għall-bżonnijiet ta’ Għawdex li l-Għawdxin jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal li l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hija waħda ċara, dik li tilħaq il-bilanċ bżonjuż bejn l-attività ekonomika u l-aspett soċjali u ambjentali tal-gżira. “Irridu li l-Għawdxin jgħixu tajjeb, fi gżira b’ġejjieni mfassal minnhom. Ir-realtajiet ta’ Għawdex jafuhom l-aħjar l-Għawdxin u għalhekk għalina kien kruċjali li din l-istrateġija tinbet minn fost l-Għawdxin”, saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se tibda mill-baġit li ġej, bil-Gvern iħares lejn iktar inċentivi biex jiddirezzjona l-investiment u l-għażliet f’Għawdex lejn il-ħarsien tal-qalba tal-irħula u l-ambjent naturali. Semma kif Għawdex irid ikun il-mutur tat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom billi jkun l-ewwel parti tal-pajjiż li jkun carbon neutral, b’inċentivi għall-promozzjoni ta’ green buildings, l-elettrifikazzjoni tat-trasport, konnettività b’saħħitha u spazji miftuħa. Qal li l-akbar proġett ambjentali f’Għawdex, dak ta’ spazju miftuħ fil-qalba tar-Rabat, se jara r-riġenerazzjoni ta’ 22,000 metru kwadru ta’ art. Saħaq li l-konsultazzjoni dwar dan il-proġett għadha kif intemmet u li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-Għawdxin.

Irrefera wkoll għal numru ta’ proġetti oħra li se jiġu inawgurati fil-ġimgħat li ġejjin fosthom l-Iskola Primarja tan-Nadur, il-kumpless edukattiv tar-Rabat, iċ-Ċentru l-ġdid tad-Dentristrija, u ċ-Ċentru tas-Saħħa. Temm jgħid li Għawdex se jkun gżira ta’ opportunitajiet li joffri kwalità tal-ħajja li jixraq lill-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li din l-istrateġija li tnediet wara konsultazzjoni wiesgħa ddur mal-viżjoni ta’ Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi. “Irridu naraw li nagħmlu l-aħjar użu sostennibli tal-art. Għawdex irid jimxi wkoll għal bilanċ ekonomiku li jassigura kwalità tal-ħajja. Irridu mill-ġdid nagħtu valur lill-identità ta’ Għawdex għaliex Għawdex mingħajr l-identità tiegħu ma jeżistix”, sostna l-Ministru għal Għawdex.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li biex tintlaħaq din il-viżjoni qed ikunu preżentati 8 oqsma ta’ prijorità li se jwasslu biex din il-viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin tkun implimentata. Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li filwaqt li nirrikonoxxu li tul dawn l-aħħar snin sar ħafna u Għawdex mexa ’l quddiem, irridu issa nwettqu din l-istrateġija sabiex Għawdex verament jilħaq il-potenzjal tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, is-Sur Mario Borg, qal li l-proċess li bih tħejjiet din l-istrateġija kien wieħed rigoruż fejn saru sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni. Stqarr li din l-istrateġija hija waħda mfassla mill-Għawdxin għall-Għawdxin u msejsa fuq dak kollu li jagħmel lil Għawdex reġjun distint minn Malta, bil-kwalitajiet, opportunitajiet u karatteristiċi distinti tiegħu.

Related News

09 May

EURADA Summer School

16 Apr

Project Manager

21 Mar

GRDA Releases 2023 Annual Report

15 Mar

GRDA Tourism Conference: A Tourist's Perspective

27 Feb

GRDA Annual Tourism Conference - A Visitor's Perspective

23 Feb

Context Sensitive Design in Gozo Conference

03 Feb

GRDA Conference - Context Sensitive Design in Gozo

25 Jan

Gozo, along with 25 other cities, has been selected to join the Pilot Cities Programme

Gozo Regional Development Authority

Skip to content